Dwar il-Pjattaforma

Il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE hija għodda kollaborattiva online li tagħmilha faċli għas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea, għall-gruppi ta’ interess u għall-partijiet ikkonċernati relatati mas-saħħa biex jikkomunikaw ma’ xulxin.
Id-DĠ SANTE hu impenjat li jiżgura aċċessibbiltà elettronika għall-persuna b’diżabbiltà - sib aktar informazzjoni fid-Dikjarazzjoni ta’ Aċċessibbiltà tal-Pjattaforma.
Il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE hija mmoderata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, li jipprovdi wkoll kontribut. Il-pjattaforma hija ffinanzjata permezz tal-Programm L-UE għas-Saħħa 2021-2027. Il-lingwa ta’ ħidma hija l-Ingliż, iżda jistgħu jinħolqu networks ad hoc f’lingwi oħra tal-UE fuq talba mill-membri tal-Pjattaforma.
Minbarra li jmexxi l-Pjattaforma Web, li tiffaċilita d-diskussjoni online, jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni u jospita webinars f’xandira diretta frekwenti; it-tim tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE organizza l-Premju tas-Saħħa tal-UE mill-2015 sal-2021. Dan il-Premju rrikonoxxa bliet, NGOs u skejjel li l-inizjattivi tagħhom tejbu s-saħħa pubblika fl-Unjoni Ewropea. Tista’ ssib l-informazzjoni dwar l-inizjattivi rebbieħa u magħżula kollha fis-sit web tal-Premju tas-Saħħa tal-UE, elenkati skont is-sena u jirrappreżentaw ammont kbir ta’ informazzjoni dwar prattiki tajbin u approċċi innovattivi għall-isfidi tas-saħħa pubblika.
Il-Laqgħa Annwali tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE tagħti l-opportunità lill-partijiet ikkonċernati biex jippreżentaw id-Dikjarazzjonijiet Konġunti tagħhom u jiddiskutu sinerġiji possibbli. Il-laqgħa hija miftuħa għal gruppi ta’ interess fis-saħħa u għall-istaff tal-istituzzjonijiet tal-UE u tiffoka fuq il-prijoritajiet tas-saħħa attwali u futuri tal-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha tas-saħħa attivi fil-qasam tas-saħħa jew interessati fil-Politika tas-Saħħa tal-UE biex jissieħbu fil-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE. Agħti daqqa t’għajn lejn ir-Regoli tal-Proċedura u l-gwida għall-utent biex tifhem aħjar kif taħdem il-Pjattaforma u tara l-vantaġġi li toffri!
- Regoli tal-Proċedura tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE : bħala membru jew membru potenzjali tal-Pjattaforma, inti mħeġġeġ taqra r-Regoli tal-Proċedura tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE biex issir taf aktar dwar il-metodi ta’ ħidma tagħna u t-termini u l-kundizzjonijiet tagħna.
- Gwida għall-Utent : din il-gwida tispjega l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u l-funzjonalitajiet tal-Pjattaforma (jiġifieri kif tippowstja oġġett ġdid). Irreġistra fil-Pjattaforma u semma’ leħnek!
Il-membri tal-pjattaforma jistgħu jippowstjaw aħbarijiet, joħolqu stħarriġ tal-opinjoni pubblika, jixxerjaw avvenimenti jew webinars li ġejjin, jaħżnu dokumenti u ħafna aktar f’network wieħed jew aktar tal-Pjattaforma! Ladarba tirreġistra, ikollok aċċess għat-tipi ta’ networks li ġejjin:
- In-Network Agora, żona ta’ diskussjoni komuni aċċessibbli awtomatikament għall-membri kollha tal-Pjattaforma li jikkonformaw mar-Regoli tal-Proċedura tal-Pjattaforma. Il-membri kollha huma mħeġġa jippubblikaw aħbarijiet relatati mal-attivitajiet tagħhom f’dan in-network.
- In-Networks ta’ Skambju huma aċċessibbli għall-membri kollha tal-Pjattaforma u jintużaw għall-iskambju ta’ prattiki tajbin u għall-kondiviżjoni ta’ materjali ta’ taħriġ.
- In-Networks Tematiċi huma temporanji, stabbiliti għal sena waħda biss. Dawn jitmexxew minn organizzazzjoni ta’ parti kkonċernata tas-saħħa magħżula permezz ta’ sejħa għal proposti. Il-mexxej iħejji dokument ta’ pożizzjoni kollaborattiv (id-Dikjarazzjoni Konġunta) dwar prijorità relatata mas-saħħa. It-tim tal-Pjattaforma jorganizza diversi webinars f’xandira diretta miftuħa biex jiġu diskussi l-ideat qabel ma tiġi abbozzata d-Dikjarazzjoni Konġunta u aktar tard tiġi ppreżentata mill-organizzazzjoni mexxejja fil-Laqgħa Annwali tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE. Il-membri kollha tal-Pjattaforma huma mistiedna jipparteċipaw b’mod attiv fin-Networks Tematiċi billi jattendu webinars f’xandira diretta, billi jabbozzaw b’mod konġunt id-Dikjarazzjoni Konġunta jew billi japprovawha.
- In-Networks immexxija mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri huma networks (normalment) aċċessibbli biss għall-membri maħtura u moderati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u/jew tal-Istati Membri.
- In-Networks tal-Partijiet Ikkonċernati huma networks ristretti stabbiliti biex jaqsmu l-għarfien u l-informazzjoni dwar qasam speċifiku tas-saħħa. Dawn jinħolqu bi tweġiba għal talba diretta mill-membri tal-partijiet ikkonċernati tal-Pjattaforma u approvati mill-Kummissjoni Ewropea. Il-membri tal-pjattaforma li għandhom interess f’ċertu network tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jitolbu aċċess. Il-membri tal-pjattaforma huma mistiedna jipproponu l-ħolqien ta’ networks ġodda tal-partijiet ikkonċernati lit-tim tal-Pjattaforma fuq sante-hpp@ec.europa.eu
Bħala membru tal-Pjattaforma, se tirċievi newsletter darbtejn fil-ġimgħa “L-aħħar aġġornamenti” bl-aktar informazzjoni reċenti kondiviża fin-network Agora (kif ukoll fin-networks ristretti li inti parti minnhom).
ll-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernat jorganizzaw webinars f’xandira diretta dwar inizjattivi ewlenin tas-saħħa tal-UE fuq bażi regolari. L-informazzjoni dwar il-webinars li ġejjin tiġi ppowstjata fin-Network Agora (iċċekkja t-taqsima tal-avviżi!). Il-membri tal-pjattaforma huma mistiedna wkoll jipproponu suġġetti għall-webinars. Sib id-dikjarazzjoni ta’ privatezza għall-webinars f’xandira diretta tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE hawn.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE, jekk jogħġbok ikkuntattja lil SANTE-HPP@ec.europa.eu
It-tim tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE
Il-pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE tipproċessa d-data tiegħek f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725. L-ECAS u s-SAAS huma sistemi tal-Kummissjoni Ewropea li jippermettu l-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-utenti għall-Pjattaforma Web. In-Notifika dwar il-Protezzjoni tad-data, id-Dikjarazzjoni ta’ Privatezza għas-Servizz tal-Ġestjoni tal-Identità u d-Dikjarazzjoni ta’ Privatezza għas-SAAS jispjegaw fid-dettall id-drittijiet tiegħek dwar il-protezzjoni tad-data. |
Regolament (UE) 2018/1725