Please note that the original language version of this page Swedish has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: English have already been translated.
Swipe to change

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Sweden
Content provided by:
European Judicial Network
European Judicial Network (in civil and commercial matters)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

It-tilwim fil-liġi ċivili normalment jinstema' minn qorti ġenerali. Il-każ irid jitressaq quddiem qorti distrettwali ("tingsrätt") li għandha ġuriżdizzjoni.

Hemm żewġ qrati speċjali li jisimgħu ċerti tipi ta' kawżi ċivili, b'mod partikolari l-Qorti Industrijali ("Arbetsdomstolen") u l-Qorti Kummerċjali ("Marknadsdomstolen"). Hemm ukoll ċerti qrati distrettwali li jistgħu jisimgħu każijiet speċifiċi. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni ta' dawn il-qrati taħt il-mistoqsija Nru 3 hawn taħt.

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-qrati ġenerali hawnhekk, u dwar il-qrati speċjali hawnhekk.

Ċertu tilwim skont il-liġi ċivili jinstema' minn korpi li mhumiex strettament qrati. Bi proċedura simplifikata fil-kuntest ta' proċedimenti sommarji, l-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni jistgħu jitolbu lil parti biex tħallas jew biex tieħu passi oħra. Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet jistgħu jiġu kontestati quddiem qorti distrettwali. Ċerti tipi ta' tilwim li jinvolvu kera jew kirjiet jinstemgħu mit-Tribunal dwar il-Kera ("hyresnämnder") jew it-Tribunali dwar il-Kirjiet ("arrendenämnder").

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Fil-biċċa l-kbira l-kawżi ċivili kollha l-ewwel jitressqu quddiem il-qorti inferjuri, il-qorti distrettwali ("tingsrätt").

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Bħala regola ġenerali, każ irid jitressaq fejn huwa residenti l-konvenut. Persuna fiżika tiġi kkunsidrata residenti fil-post fejn hija reġistrata fir-reġistru tal-popolazzjoni. L-Aġenzija Svediża dwar it-Taxxa ("Skatteverket") tista' tipprovdi informazzjoni dwar fejn hi reġistrata persuna fir-reġistru tal-popolazzjoni (Tel: +46 (0)8 56 48 51 60). Il-persuni ġuridiċi normalment jitqiesu residenti fil-post fejn għandhom l-uffiċċju reġistrat.

Każ jista' jitressaq quddiem il-qorti Svediża wkoll anke jekk hija ma tgħix l-Isveżja. Jekk il-konvenut mhux residenti l-każ jista' jitressaq fil-post fejn qed joqgħod, jew, f'xi każijiet, fil-post fejn qagħad jew għex l-aħħar. F'ċerti kawżi ċivili każ jista' jitressaq fl-Isvezja anki jekk il-konvenut jgħix barra l-pajjiż. Jekk għandu proprjetà l-Isvezja jew daħal fi ftehim mal-Isvezja, dan ikun ta' importanza kruċjali għall-bażijiet ta' ġuriżdizzjoni.

F'każijiet internazzjonali huwa importanti li jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet Svediżi dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati jistgħu japplikaw biss fejn ikollha ġuriżdizzjoni l-Isvezja. F'bosta każijiet l-Isvezja jkollha ġuriżdizzjoni jekk qorti Svediża jkollha ġuriżdizzjoni skont id-dispożizzjonijet nazzjonali dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati. F'dan il-kuntest jridu jiġu kkunsidrati wkoll il-ftehimiet internazzjonali li jistgħu japplikaw. L-aktar ftehimiet importanti għall-Isvezja huma r-Regolament Brussell I, il-Konvezjonijiet ta' Brussel u ta' Lugano, li kollha kemm huma jirregolaw il-ġuriżdizzjoni tal-qrati jekk il-konvenut huwa residenti fi Stat kopert mir-Regolament jew il-Konvenzjonijiet. B'mod partikolari, huma jindikaw li l-bażijiet għall-ġuriżdizzjoni fejn tista' tistressaq kawża għall-ħlas ta' responsabbiltà fejn għandu proprjetà l-konvenut ma jistgħux jiġu applikati lil persuna li hija residenti fi Stat Membru jew fi Stat firmatarju tal-Konvenzjoni.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Hemm numru ta' regoli dwar il-ġuriżdizzjoni fejn każ jista' jitressaq quddiem qorti li ma tkunx il-qorti tal-post fejn jgħix il-konvenut. Hemm ukoll regoli dwar il-ġuriżdizzjoni li tikkompeti f'diversi ftehimiet internazzjonali, pereżempju r-Regolament Brussell I u l-Konvezjonijiet ta' Brussel u ta' Lugano.

Dawn huma l-aktar regoli Svediżi importanti dwar il-ġuriżdizzjoni li tikkompeti:

  • Kull min sofra ħsara jista' jiftaħ kawża fil-post fejn seħħ l-avveniment dannuż jew fejn saret il-ħsara. Fil-prinċipju, din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ ta' ksur ta' kuntratt. Kawża għad-danni minħabba att kriminali tista' titressaq b'rabta mal-prosekuzzjoni tar-reat.
  • Il-konsumaturi jistgħu jiftħu kawża kontra negozjant quddiem il-qorti ta' residenza tagħhom f'kawżi tal-konsumatur li jinvolvu ammonti żgħar.
  • Il-każijiet li jinvolvu ħlas ta' responsabbiltà b'kuntratt f'xi każijiet jistgħu jitressqu fil-post fejn sar il-kuntratt. Min-naħa l-oħra, mhemmx dispożizzjonijiet fil-liġi Svediża li jagħtu ġuriżdizzjoni lill-qorti tal-post fejn irid jitwettaq il-kuntratt.
  • Kawża kontra negozjant li tinvolvi tilwima li seħħet b'rabta ma' attività ta' negozju tista' f'xi każijiet tinfetaħ fil-post ta' negozju.
  • Kawżi dwar il-kustodja tat-tfal, fejn se jgħixu u d-drittijiet ta' aċċess normalment jinstemgħu fil-post fejn huwa residenti l-minuri (ara wkoll it-Taqsima dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenitur - l-Isvezja).
  • Il-kawżi li jinvolvu l-manteniment tat-tfal normalment jitressqu quddiem il-qorti fejn huwa residenti l-konvenut, iżda l-kawżi dwar il-paternità, dwar iż-żwieġ u l-kawżi li jinvolvu r-responsabbiltà tal-ġenituri (il-kustodja tat-tfal u fejn se jgħixu) jistgħu jinstemgħu wkoll minn qorti oħra.
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Il-liġi Svediża fiha numru ta' regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva fejn il-każ irid jitressaq bilfors quddiem qorti partikolari. Hemm ukoll regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva f'diversi ftehimiet internazzjonali, pereżempju r-Regolament Brussell I u l-Konvenzjonijiet ta' Brussell u ta' Lugano. Jekk il-każ li jkun kopert minn xi waħda minn dawn ir-regoli jitressaq quddiem qorti oħra għajr dik bil-ġuriżdizzjoni esklussiva, dik il-qorti ma titħallhiex tisma' l-kawża.

Dawn huma l-aktar regoli Svediżi importanti dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva:

  • Bosta mit-tilwim dwar il-proprjetà jrid jinstema' mill-qorti fil-post fejn tinsab il-proprjetà.
  • Ċertu tilwim li jinvolvi l-proprjetà jrid jinstema minn qorti speċjalizzata fil-proprjetà ("fastighetsdomstol") jew minn tribunal dwar il-kera jew kirjiet ("hyresnämnd’ jew "arrendenämnd"). Għal darb'oħra, dan jiddependi minn fejn qiegħda l-proprjetà.
  • Il-kawżi li jinvolvu l-liġi tas-suċċessjoni jridu jinstemgħu mill-qorti tal-post fejn kien jgħix id-decujus.
  • It-tilwim li jikkonċerna ż-żwieġ u d-diviżjoni tal-proprjetà bejn il-miżżewwġin irid jinstema' mill-qorti tal-post fejn tgħix waħda mill-partijiet.
  • Fejn it-tilwim irid jinstema' mill-Qorti Industrijali ("Arbetsdomstolen") jew mill-Qorti Kummerċjali Market Court ("Marknadsdomstolen"), il-każ ma jistax jitressaq quddiem il-qorti ġenerali fil-post ta' residenza tal-konvenut.
  • Għall-maġġoranza tat-tilwim dwar il-liġi ambjentali, il-liġi marittima u l-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, hemm regoli speċjali li jagħtu ġuriżdizzjoni lil qorti waħda biss.
  • Il-Qorti tal-Appell ("Svea hovrätt") għandha ġuriżdizzjoni esklussiva biex tisma' ċerti talbiet dwar l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet minn qrati barranin.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Il-partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim fejn it-tilwima tista' jew trid tinstema' minn qorti partikolari. Dan huwa magħruf bħala ftehim ta' estensjoni tal-ġuriżdizzjoni, u jrid isir bil-miktub. Il-ftehim ifisser li qorti waħda għandha ġuriżdizzjoni esklussiva. Il-partijiet jistgħu jiftehmu wkoll li jkollha ġuriżdizzjoni qorti oħra għajr dik prevista mir-regoli normali. Il-partijiet jistgħu jassenjaw il-ġuriżdizzjoni lil aktar minn qorti waħda.

Fil-prinċipju, il-qorti magħżula mill-partijiet biex ikollha ġuriżdizzjoni trid taċċetta l-każ miġjub quddiemha. Madankollu, dan ma japplikax jekk il-ftehim jikser xi regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva. Jekk waħda mill-partijiet tasserixxi li l-ftehim dwar l-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni mhux validu, il-qorti trid teżamina wkoll dan il-punt, bir-riżultat li jista' ma jkollix ġuriżdizzjoni.

Qorti li kieku ma jkollix ġuriżdizzjoni jista' jkollha ġuriżdizzjoni jekk il-konvenut ma jsostnix li l-każ qed jinstema' mill-qorti l-ħażina (dan huwa magħruf bħala "l-estensjoni taċita"). Dan mhuwiex il-każ, madankollu, jekk japplikaw ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklussiva; il-qorti trid tikkunsidra din il-kwistjoni ex officio. Madankollu, il-qorti ma' tistax teżamina awtomatikament il-kwistjoni dwar jekk il-każ qed jiġi miġjub bi ksur tar-regola prinċipali, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni li tikkompeti jew ftehim ta' estensjoni tal-ġuriżdizzjoni. Kull dikjarazzjoni li l-qorti ma għandhiex ġuriżdizzjoni trid issir dakinhar li l-partijiet jagħmlu dikjarazzjonijiet waqt il-każ. Madankollu, jekk il-konvenut ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni u l-qorti trid tagħti sentenza f'kontumaċja, il-qorti trid teżamina l-kwistjoni dwar jekk għandhiex ġuriżdizzjoni.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Hemm żewġ qrati speċjali li jittrattaw tilwim ċivili; dawn huma l-Qorti Industrijali ("Arbetsdomstolen") u l-Qorti Kummerċjali ("Marknadsdomstolen"). Il-Qorti Industrijali tisma' tilwim dwar ir-relazzjonijiet industrijali, jiġifieri tilwim dwar ir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegat. Il-Qorti Kummerċjali tisma' kawżi dwar il-kompetizzjoni u l-liġi tal-bejgħ.

Ċerti qrati distrettwali ("tingsrätter") jisimgħu b'tipi partikolari ta' kawżi ċivili. Ħamsa mill-qrati distrettwali Svediżi huma wkoll qrati li jittrattaw kwistjonijiet dwar l-art u l-ambjent ("mark- och miljödomstolar"). Dawn il-qrati jisimgħu każijiet koperti mill-Kodiċi dwar l-Ambjent ("miljöbalken") u kawżi li jinvolvu l-esproprjazzjoni u d-diviżjoni tal-art f'porzjonijiet. Il-kawżi marittimi jinstemgħu minn seba' qrati distrettwali li huma qrati speċjalizzati fil-liġi marittima ("sjörättsdomstolar"). Hemm regoli speċjali għal tilwim taħt il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, speċjalment dawk dwar il-privattivi li jagħtu ġuriżdizzjoni esklussiva lill-qorti distrettwali ta' Stokkolma ("Stockholms tingsrätt").

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.