Izvirna jezikovna različica te strani francoščina je bila pred kratkim spremenjena. To jezikovno različico trenutno prevajajo naši prevajalci.
Swipe to change

Smigħ ta' xhieda

Luksemburg
Vsebino zagotavlja
European Judicial Network
Evropska pravosodna mreža (v civilnih in gospodarskih zadevah)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Fil-liġi Lussemburgiża, il-prinċipju huwa li dak li jitlob l-eżekuzzjoni ta' obbligu jrid jippruvah. Min-naħa l-oħra, min isostni li jkun illiberat mill-obbligu, irid jipprova li sar il-ħlas jew sar il-fatt li temm l-obbligu tiegħu.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

F'ċerti każijiet, il-liġi Lussemburgiża tipprevedi preżunzjonijiet li jilliberaw persuna milli jkollha tipprova affarijiet impossibbli jew li jkunu diffiċli li tistabbilihom. Il-preżunzjonijiet huma konsegwenzi li l-liġi jew l-imħallef joħorġu minn fatt magħruf dwar fatt mhux magħruf.

Il-liġi tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta' preżunzjonijiet: Minn naħa, il-preżunzjoni legali li tkun marbuta ma' ċerti atti jew fatti minn liġi speċjali. Min-naħa l-oħra, il-preżunzjonijiet mhux stabbiliti mil-liġi, li jitħallew fid-diskrezzjoni tal-imħallef li jaċċetta biss preżunzjonijiet serji, preċiżi u konsistenti.

B'mod ġenerali, huwa possibbli li tinġab prova kuntrarja għall-preżunzjoni. Pereżempju, tifel imwieled fi żwieġ huwa preżunt li jkun bin ir-raġel t'ommu. Madankollu, tista' tinfetaħ kawża li tikkontesta l-paternità.

F'każijiet iktar rari, il-preżunzjonijiet huma irrifjutabbli. Dan ifisser li ma tistax tinġab prova kuntrarja.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

L-apprezzament tal-fatti jitħalla fid-diskrezzjoni assoluta tal-imħallef. F'każ ta' dubju, l-imħallef jivverifika hemmx provi serji, preċiżi u konsistenti u jilqa' jew jiċħad il-provi skont kemm ikunu plawżibbli l-fatti allegati.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-ġbir tal-provi jista' jiġi ordnat minn imħallef fuq talba ta' parti minnhom. Madankollu, f’ċerti każijiet, l-imħallef jista' jiġbor provi fuq inizjattiva tiegħu stess.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

L-imħallef jgħarraf lill-espert maħtur bin-natura tal-kompitu tiegħu. Il-partijiet għall-kawża u l-partijiet terzi li jridu jassistu l-investigazzjoni jitħarrku mill-espert. Skont il-prinċipju tal-kawżi ta' tilwim ix-xhieda tinstema' fil-preżenza tal-partijiet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-ġbir tal-provi tista' tiġi ordnata kull meta mħallef ma jkollux biżżejjed informazzjoni biex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuqha.

Il-ġbir tal-provi fir-rigward ta' fatt allegat jista' jiġi ordnat biss jekk il-parti li qed tallega ma jkollhiex biżżejjed evidenza biex tipprova l-allegazzjoni. Fl-ebda każ ma jista' jiġi ordnat il-ġbir tal-provi biex jikkumpensa għan-negliġenza tal-parti fil-ġbir tal-provi favuriha.

L-imħallef irid jillimita wkoll l-għażla ta' din il-miżura għal dak li jkun biżżejjed biex jaqta' l-kawża u jrid jagħżel l-eħfef u l-irħas soluzzjoni.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-mezzi differenti ta' provi huma l-prova dokumentata, ix-xhieda, il-preżunzjonijiet, l-ammissjoni u l-ġuramenti.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

  • Metodi użati għall-ġbir tal-provi minn xhieda u minn xhieda esperti:

Meta x-xhieda tkun ammissibbli, l-imħallef jista' jirċievi dikjarazzjonijiet mingħand terzi li, minħabba l-għarfien personali tal-fatti kkonċernati, jistgħu jkunu jistgħu jiċċarawhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet isiru f'forma ta' stqarrijiet jew jinġabru permezz ta' inkjesta skont ikunux saru bil-miktub jew oralment.

L-imħallef jista' jistaqsi lil min irid biex jiċċaralu l-fatti permezz ta' stqarrija, konsultazzjoni, jew opinjoni esperta dwar kwistjoni ta' fatti li teħtieġ li tiġi ċċarata minn espert. Jekk l-opinjoni ma jkunx hemm bżonn li ssir bil-miktub, l-imħallef jista' jippermetti li xhieda esperti jagħtu l-opinjoni tagħhom oralment fis-seduta; imbagħad jitfassal procès-verbal li jiġi ffirmat mill-imħallef u mill-iskrivan tal-qorti

  • Regoli applikabbli għall-preżentazzjoni tal-provi bil-miktub u tal-preżentazzjoni ta' rapporti u opinjonijiet tal-esperti bil-miktub:

Provi bil-miktub:

Parti li qed tibbaża l-kawża tagħha fuq dokument trid tikkomunikah lil kull parti oħra minnufih. Il-komunikazzjoni ssir bi rċevuta jew b'depożitu fir-reġistru tal-qorti. Il-komunikazzjoni tad-dokumenti trid tkun spontanja.

Rapporti jew opinjonijiet tal-esperti bil-miktub:

L-esperti jiddepożitaw ir-rapport mar-reġistru tal-qorti. Anke jekk ikun hemm bosta esperti, ir-rapport ippreżentat ikun wieħed; f'każ ta' diverġenza, kull wieħed jindika l-opinjoni tiegħu. Jekk l-espert jitlob l-opinjoni ta' espert ieħor bi speċjalizzazzjoni differenti minn tiegħu, dik l-opinjoni tinhemeż, skont il-każ mal-procès-verbal tas-seduta jew mal-fajl.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Ċerti metodi ta' provi fihom iktar saħħa minn oħrajn:

  • Att awtentiku mfassal minn uffiċjal pubbliku (nutar, bailiff) waqt l-eżekuzzjoni ta' xogħlu. Dan huwa prova sakemm ma jiġix ippruvat li jkun falz.
  • Ftehim privat imfassal mill-partijiet stess u ffirmat minnhom, mingħajr l-involviment ta' uffiċjal pubbliku. Dan huwa prova sakemm ma tinġabx prova kuntrarja.
  • Ix-xhieda, kif ukoll metodi oħra ta' provi, jitħallew għad-diskrezzjoni libera tal-imħallef.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Biex jiġi stabbilit att ġuridiku (kuntratt) fejn il-valur jaqbeż l-EUR 2500 hemm bżonn ta' prova bil-miktub. Min-naħa l-oħra, il-prova ta' fatt (inċident ...) tista' tieħu kwalunkwe forma.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Il-liġi tobbliga x-xhieda biex jikkooperaw fil-proċedimenti ġudizzjarji biex tinkixef il-verità.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Min ikollu raġuni valida jista' jiġi eżentat milli jixhed. Il-ġenituri u l-qraba fil-linja diretta ta' waħda mill-partijiet kif ukoll il-konjuġi tagħha, anke jekk iddivorzjati, jistgħu jirrifjutaw li jixhdu.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhieda li ma jidhrux jistgħu jitħarrku u jkollhom iġorru l-ispejjeż tat-taħrika jekk ix-xhieda tagħhom tkun neċessarja. Xhieda li ma jidhrux u min jirrifjuta li jixhed jew li jieħu l-ġurament mingħajr raġuni valida jista' jkun ikkundannat għal ammenda ċivili ta' minn EUR 50 sa EUR 2 500.

Min ikollu ġustifikazzjoni għaliex ma setax jidher fil-jum stipulat jista' titneħħielu l-ammenda u l-obbligu li jħallas l-ispejjeż tat-taħrika.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kulħadd jista' jittella' bħala xhud ħlief min hu meqjus inkapaċi li jixhed.

Min ma jistax jixhed jista' madankollu jinstema' taħt l-istess kundizzjonijiet imma mingħajr ma jieħu l-ġurament. Madankollu, id-dixxendenti qatt ma jistgħu jixhdu dwar fatti invokati minn konjuġi f'kawża għal divorzju jew separazzjoni.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

  • Ir-rwol tal-imħallef u l-partijiet waqt is-smigħ ta' xhieda

L-imħallef jisma' lix-xhieda separatament u fl-ordni li jagħżel hu fil-preżenza tal-partijiet jew wara li jkunu ssejħu l-partijiet. Ix-xhieda ma jistgħux jaqraw it-testimonjanza tagħhom.

L-imħallef jista' jisma' jew jinterroga lix-xhieda dwar il-fatti kollha meta l-prova tkun ammissibbli mil-liġi, anke jekk dawn il-fatti ma jkunux imsemmija fid-deċiżjoni li tiġi ordnata l-inkjesta. Huwa jista' jerġa' jisma' lix-xhieda, jikkonfrontahom ma' xulxin jew mal-partijiet u jekk ikun hemm bżonn, jisma' x-xhieda tagħhom fil-preżenza ta' espert tekniku.

Il-partijiet ma jistgħu la jinterrompu, la jinterpellaw, la jipprovaw jinfluwenzaw lix-xhieda waqt li jixhdu u lanqas jindirizzawhom direttament, bil-piena tal-esklużjoni. Wara l-interrogazzjoni, jekk iħoss li jkun hemm bżonn, l-imħallef jista' jistaqsi lix-xhieda mistoqsijiet li jkunu ssottomettewlu l-partijiet.

  • Vidjokonferenza jew mezzi tekniċi oħrajn

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali huwa maħsub biex itejjeb, jissemplifika u jaċċellera l-kooperazzjoni bejn il-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri għall-ġbir u l-amministrazzjoni tal-provi. Fil-liġi Lussemburgiża ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna l-vidjokonferenzi. Dawn huma suġġetti għall-artikoli tal-Kodiċi l-ġdid tal-proċedura ċivili rigward is-smigħ tax-xhieda, il-verifika personali tal-imħallef u x-xhieda mogħtija personalment. Il-qrati huma attrezzati bit-tagħmir tekniku neċessarju. Fil-jum stipulat għall-vidjokonferenza jkun hemm preżenti mħallef, uffiċjal tar-reġistru, interpretu u espert.

L-imħallef jista' jordna l-awdjoreġistrazzjoni jew il-vidjoreġistrazzjoni tal-inkjesti preparatorji kollha jew parti minnhom. Ir-reġistrazzjoni tinżamm fir-reġistru tal-qorti. Kull parti tista' titlob kopja jew traskrizzjoni u ġġarrab l-ispejjeż ta' dan.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

It-tribunal ma jqisx il-provi miksuba illegalment, bħal pereżempju kamera moħbija jew reġistrazzjoni ta' telefonati li l-persuna ma tkunx taf bihom.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

L-istqarrijiet li jsiru minn parti fil-kawża stess waqt il-proċess, fil-prinċipju, ma għandhomx il-valur ta' prova.

Ħoloq relatati

http://www.legilux.lu/

L-aħħar aġġornament: 13/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.