Għall-każijiet ta’ manteniment transfruntier, ir-regoli ġuriżdizzjonali tal-UE huma stabbiliti fir-Regolament dwar il-Manteniment, filwaqt li d-dritt applikabbli għall-każijiet ta’ manteniment huwa rregolat mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment għat-Tfal tapplika f’sitwazzjonijiet relatati ma’ Stati Membri mhux tal-UE (bħall-Ukrajna).
Ġuriżdizzjoni
Il-ġuriżdizzjoni għal każijiet ta’ manteniment fl-UE hija stabbilita abbażi tar-Regolament dwar il-Manteniment. B’mod ġenerali, ir-regoli ġuriżdizzjonali tar-Regolament dwar il-Manteniment huma mfassla biex jippreservaw l-interessi tal-kreditur ta’ manteniment, li jitqies bħala parti aktar dgħajfa. L-Artikolu 3 tar-Regolament jipprevedi li l-ġuriżdizzjoni normalment tista’ tkun ibbażata jew fuq (i) ir-residenza abitwali tal-persuna li obbligata tħallas il-manteniment jew tal-persuna li titlob il-manteniment [1], jew (ii) il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-istatus ta’ persuna (pereżempju l-istabbiliment tal-istat ta’ ġenitur ta’ minorenni) jew ir-responsabbiltà tal-ġenituri (pereżempju d-drittijiet ta’ kustodja jew l-aċċess għal minorenni), jekk il-kwistjoni relatata mal-manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti. B’riżultat ta’ hekk, il-ġuriżdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru tal-UE fir-rigward ta’ talbiet ta’ manteniment biex jiġi sostnut minorenni spostat mill-Ukrajna trid tiġi deċiża fuq bażi ta’ każ b’każ.
Biex wieħed jifhem aħjar kif għandu jiġi applikat ir-Regolament dwar il-Manteniment, il-Gwida Prattika, disponibbli hawnhekk, hija għodda utli.
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment għat-Tfal tapplika għal każijiet transfruntieri li jinvolvu Stat Membru tal-UE u pajjiż terz li huwa Stat Kontraenti għall-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Ukrajna mill-1 ta’ Novembru 2013 u l-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni (HCCH | #38 - Tabella tal-istatus).
Dritt applikabbli
Id-dritt applikabbli għall-każijiet ta’ manteniment huwa rregolat mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment. Il-Protokoll daħal fis-seħħ fir-rigward tal-Ukrajna mill-1 ta’ Diċembru 2022 u huwa applikabbli għall-Istati Membri kollha tal-UE bl-eċċezzjoni tad-Danimarka (HCCH | #39 - Tabella tal-istatus) .
Ir-regola ġenerali dwar id-dritt applikabbli hija stabbilita fl-Artikolu 3(1) u tipprevedi li l-obbligi ta’ manteniment huma rregolati mid-dritt tal-Istat tar-residenza abitwali tal-persuna li titlob il-manteniment. L-Artikolu 3(2) jispeċifika wkoll li fil-każ ta’ bidla fir-residenza abitwali ta’ dik il-persuna, id-dritt tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandu japplika mill-mument meta sseħħ il-bidla.
B’riżultat ta’ dan, skont l-Artikolu 3, jenħtieġ li d-dritt Ukren japplika għal tfal li għadhom abitwalment residenti fl-Ukrajna. Biex jiġi applikat l-Artikolu 3(2), jenħtieġ li sseħħ bidla fir-residenza abitwali tal-minorenni.
Rikonoxximent u eżekuzzjoni
Fir-rigward tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ manteniment mogħtija fl-Ukrajna fl-UE, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment għat-Tfal huma rilevanti. Il-bażijiet għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni huma pprovduti fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni.
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment għat-Tfal tapplika wkoll meta d-deċiżjonijiet tal-qrati tal-UE jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fl-Ukrajna. Ta’ min jinnota li jekk ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija f’qorti ta’ Stat Membru tal-UE jintalbu fl-Ukrajna, tali deċiżjoni ma tistax tiġi rikonoxxuta u eżegwita f’każ li l-qorti tal-oriġini tkun ibbażat il-ġuriżdizzjoni tagħha fuq raġuni ta’ ġuriżdizzjoni mhux elenkata mill-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 (eż. il-ġuriżdizzjoni sussidjarja u l-forum necessitatis).
Rikors għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ manteniment jista’ jiġi ppreżentat jew direttament lill-qorti jew lill-awtoritajiet kompetenti b’ġuriżdizzjoni tal-Istat rikjest jew indirettament permezz tal-Awtorità Ċentrali tal-Istat li fih tirrisjedi l-persuna li titlob il-manteniment.
Biex wieħed jifhem aħjar kif għandu jiġi applikat ir-Regolament dwar il-Manteniment, il-Gwida Prattika, disponibbli hawnhekk, hija għodda utli.
Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali
L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom rwol importanti fl-irkupru transfruntier tal-manteniment. Il-funzjonijiet speċifiċi tagħhom huma elenkati fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment għat-Tfal.
L-awtoritajiet ċentrali jistgħu jassistu fil-preżentazzjoni ta’ rikorsi għal rikonoxximent, dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija dwar il-manteniment, kif ukoll fil-ġestjoni ta’ rikorsi għall-għoti ta’ deċiżjoni ġdida u l-modifika ta’ deċiżjoni eżistenti dwar il-manteniment. Barra minn hekk, jistgħu jgħinu biex tinstab il-persuna li mingħandha jintalab il-manteniment u biex tinkiseb informazzjoni rilevanti dwar l-introjtu u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-persuna, jew jipprovdu assistenza meħtieġa oħra fl-oqsma tal-kompetenza tagħhom.
Biex wieħed jifhem aħjar kif jiġi applikat ir-Regolament dwar il-Manteniment, il-Gwida Prattika, disponibbli hawnhekk, hija għodda utli. Gwida dwar kif għandhom jimtlew il-formoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Manteniment hija disponibbli hawnhekk.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtoritajiet Ċentrali jinsabu hawn taħt:
In-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (NĠE-ċivili), kif jista’ jgħin?
In-NĠE-ċivili jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ġustizzja ċivili tal-UE fil-prattika legali ta’ kuljum. Minbarra l-Awtorità Ċentrali, il-punt ta’ kuntatt tan-NĠE fl-Istat Membru tiegħek jista’ jiġi kkuntattjat biex jassistik jekk ikollok xi problema speċifika f’kawża transfruntiera. Il-punt ta’ kuntatt tiegħek jista’, pereżempju, jinforma ruħu dwar l-istatus attwali ta’ talba, jgħin biex isir kuntatt bejn żewġ qrati jew isib id-dettalji ta’ kuntatt ta’ awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor tal-UE.
Aktar informazzjoni dwar in-NĠE u kif dan jista’ jkun ta’ għajnuna.
Kif nista’ nsib il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tiegħi?
Links utli
- Informazzjoni dwar id-dritt tal-Ukrajna
- Q&A dwar il-manteniment Ukren
(322 Kb)
- Informazzjoni Ġenerali dwar ir-Regolament dwar il-Manteniment u informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri
- Gwida prattika dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Manteniment u dwar il-mili tal-formoli tiegħu
- Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar il-Manteniment għat-Tfal
- Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar l-Obbligi ta’ Manteniment
- Awtoritajiet Ċentrali:
- Q&A dwar il-manteniment Ukren
[1] Għall-interpretazzjoni ta’ “residenza abitwali” fil-kuntest ta’ kawżi ta’ manteniment, ara pereżempju s-sentenza tal-QĠUE fil-Kawża C-644/20. Għal aktar informazzjoni ara wkoll Gwida prattika dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Manteniment
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.